Il-proġett tas-Central Link kompla miexi b’ritmu mgħaġġel hekk kif bħalissa l-ħaddiema qed jiksu l-asfalt il-korsiji ġodda li jwasslu sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqajja fil-limiti tar-Rabat.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg spjega li korsiji oħrajn ġodda fejn hemm l-isptar Monte Karmeli għadhom kemm tlestew bl-asfalt il-ġimgħa l-oħra u diġà bdew jintużaw.
Qal li wara dan ix-xogħol hemm ħidmet il-ħaddiema.
Saħaq li fuq il-proġett tas-Central Link qed jaħdmu mal-mitt ħaddiem.
Il-Ministru Borg qal, “Kulħadd irid iżomm f’moħħu li dawn ix-xogħlijiet huma possibbli anki u grazzi għall-ħaddiema li qed jaħdmu fuqhom u allura nsaħħu l-ħaddiem, insaħħu l-ħaddiem li l-ewwel nett nirrikonoxxu dak li qed jagħmel u nirringrazzjawh u hekk għamilt illum jiena ġejt hawnhekk fuq is-Central Link, proġett ambizzjuż, proġett kbir, proġett illi ħa jkun qed ibiddel il-ħajja tan-nies illi jivvjaġġaw minn hawnhekk għax ħa jkunu qed jiffrankaw nofs il-ħin mit-traffiku.”
Bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet sabiex fil-jiem li ġejjin jinfetħu aktar korsiji ġodda bejn Ta’ Qali u Ħ’Attard.
Il-Ministru Borg qal li minn jumejn ilu, il-korsiji fid-direzzjoni tan-nofsinhar tat-triq bla isem fl-inħawi tal-Ħemsija, bejn Triq il-Buqana, l-Imtarfa u Triq l-Imdina, ingħalqu biex jinbnew ukoll mill-ġdid.
Ġie spjegat li wara li tlesta x-xogħol fi Triq Ħ’Attard, bħalissa l-kuntratturi tal-proġett għaddejjin ukoll bil-bini mill-ġdid ta’ Triq iż-Żagħfran u Triq in-Nutar Zarb.
Il-Ministru Ian Borg qal li f’dawn it-toroq, l-aġenzija Infrastruttura Malta qed issaħħaħ ukoll is-sistemi taħt l-art tad-distribuzzjoni tas-servizzi lid-djar tal-inħawi, filwaqt li tibni bankini ġodda b’aktar aċċessibilità, fost faċilitajiet ġodda oħrajn.
Il-Perit Reuben Sammut spjega kif wara li jitlestew ċertu xogħlijiet, it-toroq se jinfetħu għat-traffiku.
Huwa tenna: “Qegħdin isiru x-xogħlijiet fuq it-tieni karreġġjata, jiġifieri l-karreġġjata l-ġdida li tgħaqqad ir-Rabat ma’ Ħ’Attard. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest dawn il-ġranet li ġejjin u tinfetaħ mill-ewwel għat-traffiku sabiex inkunu nistgħu nibdew ix-xogħlijiet fuq il-karreġġjata l-antika.”
B’investiment ta’ €55 miljun, il-proġett tas-Central Link se jkun qed inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda.