Huwa tajjeb li dawk li jinsabu f’pożizzjoni diffiċli mhux jiġu minsija.
Dan huwa l-messaġġ tal-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent, b’referenza għal dak li qal il-Prim Ministru s-Sibt li għadda meta żar lid-Dar tal-Providenza.
Hemmhekk tenna l-impenn tal-Gvern li se jgħin lill-organizzazzjonijiet li kienu milquta mill-problema teknika fis-sistema telefonika waqt il-maratoni ġbir ta’ fondi, li wasslet biex ġew irreġistrati donazzjonijiet doppji.
L-editorjal innota li l-Gvern qed jassisti lil dawn l-organizzazzjoni fl-istess waqt li qed jaħdem biex il-pajjiż ikompli għaddej f’pandemija u ma jintilfux postijiet tax-xogħol, b’għajnunijiet bħall-Wage Supplement.
L-editorjal iżid kif l-impenn tal-Gvern lejn dawn l-organizzazzjonijiet se jfisser li l-proġetti pjanati bil-flus li suppost inġabru waqt il-maratoni, ma jingħatawx il-ġenb biex il-persuni li jfittxu l-appoġġ mingħand dawn l-għaqdiet, ikomplu jirċievu l-għajnuna.
Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma bla preċedent ta’ dawn l-għaqdiet, l-artiklu temm jawgura lill-Caritas, lid-Dar tal-Providenza u lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund għal aktar ħidma biex ikomplu jagħtu servizz essenzjali lis-soċjetà.