Malti ta’ disgħa u erbgħin sena se jinġieb Malta mill-Indja wara li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 u fi ftit jiem, saħħtu qalbet għall-agħar, bil-konswegwenza li kellu jiddaħħal fi sptar fi New Delhi.
Dan ir-raġel ġie pożittiv għall-virus hekk kif jinsab fl-Indja flimkien ma’ martu biex jadottaw tifla.
F’intervista virtwali ma’ ONE News, il-Kummissarju Malti Għoli għall-Indja, Reuben Gauci, saħaq li r-raġel jinsab fi sptar tajjeb b’kura adegwata, minkejja s-sitwazzjoni devastanti fil-pajjiż.
“Għall-bidu l-persuna ġiet pożittiva imbagħad ovvjament kellha bżonn li tiġi rikoverata l-isptar, fil-fatt bħalissa qiegħda l-isptar. Ħdimna kemm bħala Kummissjoni għolja u Dipartiment tas-Saħħa f’Malta, u fil-każ tagħna huwa li naċċerta li jkun fi sptar tajjeb u li għandu sodda fl-isptar.”
Ir-raġel mistenni jinġieb f’pajjiżna b’ambulanza tal-ajru Franċiża, u waqt il-vjaġġ se jkollu ventilatur.
Għadu mhux magħruf jekk flimkien mar-raġel, hux se jinġiebu martu u t-tifla li adottaw.
Is-sitwazzjoni tal-pandemija f’dan il-pajjiż kull ma jmur qed tiggrava. Saħansitra, l-awtoritajiet tas-saħħa Indjani spiċċaw mingħajr ossiġnu u eluf ta’ nies qed imutu kuljum.
Il-Kummissarju Malti Għoli qal li fl-Indja hemm aktar Maltin u Għawdxin, u qed iżomm kuntatt kontinwu magħhom biex jara li huma siguri.
“Żammejt kuntatt magħhom, tkellimt magħhom biex nara kif inhuma u wħud minnhom minħabba l-età ġew vaċċinati.”
Is-sitwazzjoni devastanti tal-imxija fl-Indja kienet l-aħbar ewlenija f’kull stazzjon internazzjonali f’dawn l-aħħar jiem, hekk kif fi ftit ġranet kienu rreġistrati aktar minn miljun każ ta’ infezzjoni.
Fil-jum tat-Tnejn il-Gvern Ingliż ħabbar li se jibgħat aktar minn sitt mitt apparat mediku lejn l-Indja, fosthom dawk li jagħtu l-ossiġnu lil dawn il-pazjenti pożittivi li lanqas qed isibu sodod biżżejjed fl-isptarijiet.