Il-miżuri li ħabbar il-gvern biex jinċentiva aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol qed iħallu r-riżultati mixtieqa, b’pajjiżna, fl-aħħar tliet snin u nofs jirreġistra żieda bla preċedent ta’ 6% fir-rata ta’ nisa li qegħdin f’impjieg.
Fost l-oħrajn il-miżura taċ-child care bla ħlas għall-ġenituri li jaħdmu jew li għadhom qed jistudjaw u li permezz tagħha l-familji qed jiffrankaw mijiet ta’ ewro meta uliedhom jattendu dawn iċ-ċentri.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo żaru l-ħaddiema tal-kumpanija Vodafone, liema kumpanija toffri numru sostanzjali ta’ family friendly measures għall-impjegati tagħha li jippermettu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.
Dawn il-miżuri li qed jissarfu f’aktar produttività mill-ħaddiema jinkludu flessibilità sħiħa fis-sigħat tax-xogħol, teleworking u mobile working, żieda ta’ tliet ġimgħat leave tal-maternità bi ħlas sħiħ aktar minn dak li tobbliga l-liġi u benefiċċju ta’ reduced hours għal sitt xhur wara li impjegati nisa jkunu daħlu lura għax-xogħol mil-leave tal-maternità. L-istess kundizzjonijiet huma offruti wkoll f’każ ta’ adozzjoni.
Minbarra l-miżura taċ-childcare bla ħlas, il-gvern introduċa wkoll il-fond għal-leave tal-maternità li hu mmexxi mill-employers, fejn min iħaddem irid iħallas kontribuzzjoni biex il-leave tal-maternità fil-privat jitħallas minn dan il-fond. B’hekk kienet indirizzata s-sitwazzjoni fejn min kien jimpjega ħaddiema nisa, kien iħallas leave tal-maternità b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ kumpaniji oħra li jħaddmu anqas nisa jew saħansitra rġiel biss. Din il-miżura indirizzat ukoll id-diskriminazzjoni li kienet setgħet qed issir meta ħaddiema nisa jippreżentaw lilhom infushom għal impjieg.
Ix-xahar li ġej il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali se jkun qed itella’ konferenza nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema fejn se tkun imnedija konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-Employment and Industrial Relations Act.
Il-Ministru Bartolo kwota statistika uffiċjali li tikkonferma kif f’April li għadda, kien hemm 66,103 persuna femminili jaħdmu fuq bażi full time, żieda ta’ 4000 fuq is-sena ta’ qabel. Fl-istess ħin, in-numru ta’ nisa li kellhom xogħolpart-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom kien ta’ 20,472, żieda ta’ elf persuna fuq l-2015.
“Dan huwa rekord storiku fil-qasam tal-impjiegi” qal il-Ministeru Bartolo filwaqt li saħaq fuq l-importanza li jkunu indirizzati l-ħiliet, fost l-oħrajn fl-oqsma tax-xjenza u l-matematika fejn hemm nuqqas ta’ parteċipazzjoni femmimili.
Il-Ministru Bartolo qal li l-miżura taċ-child care flimkien ma’ dik tal-breakfast club kienu kruċjali biex pajjiżna kiseb dawn ir-riżultati.
46% tal-impjegati fil-kumpanija Vodafone huma nisa, b’25% mis-Senior Management Team huma nisa. Il-kumpanija għandha wkoll Kap Eżekuttiv li hija mara.