Illum ngħata l-aħħar tislima ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Julian Spiteri.
Il-funeral sar fil-kappella tal-Università fejn kienu bosta ħbieb u qraba ta’ Julian li attendew għall-funeral biex isellmu l-memorja ta’ ġuvni meqjus b’qalb tad-deheb.
Skont il-miżuri marbuta mal-imxija, in-numru kellu jkun limitat, biss kienu bosta li fakkru lil Julian f’memorji li għandhom maż-żagħżugħ fejn iddeskrivewh bħala ġuvni li dejjem kien lest biex jgħin, ħabbrieki u dejjem bi tbissima fuq fommu.
Dawk li attendew ġew imħeġġa ma jilbsux iswed u flok fjuri jagħtu donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.
Julian kien qed jistudja l-liġi ġewwa l-Università ta’ Malta, qabel attenda ġewwa l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u kien magħruf li jieħdu sehem fl-attiviżmu studentesk.
Hu kien iħobb l-isport tal-futbol, hekk kif kien mat-tim tal-amateurs, Balluta Barracudas.
Julian tilef ħajtu nhar il-Ħadd li għadda f’inċident tat-traffiku fil-limiti tal-Imdina.