Fil-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali ġie vvutat b’suċċess rapport li l-Ewroparlamentari Maltija Dr Josianne Cutajar innegozjat f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Dan ir-rapport jimbotta ’l quddiem l-Ugwaljanza billi jiffoka fuq l-Integrazzjoni tal-Ġeneru fil-Politika ta’ Koeżjoni.
Fi stqarrija ġew elenkati l-kisbiet li l-Ewroparlamentari Laburista ħadmet bis-sħiħ biex ikunu inklużi f’dar-rapport. Dawn huma:
- Li jkun rabta bejn l-għoti tal-fondi ta’ koezjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq in-nisa u l-komunità LGBTIQ;
- Is-sejħa sabiex l-UE tirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex nipprevjenu u niġġieldu l-vjolenza domestika fuq in-nisa;
- It-tisħiħ tal-użu tal-politika ta’ koeżjoni sabiex jiżdied sehem il-mara fin-negozju u fl-użu tat-teknoloġija u karrieri fis-settur;
- Attenzjoni speċjali lin-nisa li jgħixu f’reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali u permanenti, inkluż dawk ġejjin minn reġjuni remoti u gżejjer;
- L-importanza li jiġu kunsidrati indikaturi mhux ekonomiċi bħal benesseri suġġettiv tal-persuna, l-eliminazzjoni tal-vjolenza a bażi tal-ġeneru u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar qalet li f’dan ir-rapport ġie enfasizzat ukoll l-importanza li fondi ta’ koeżjoni jgħinu lin-nisa vulnerabbli, inkluż dawk f’riskju ta’ faqar, li għandhom diżabilità jew li qed isofru l-vjolenza.
Propju ftit mumenti wara il-vot, Dr Josianne Cutajar stqarret li dan is-suċċess mhuwiex biss għas-Soċjalisti, iżda wkoll għal kull mara u tfajla hemm barra li ħafna drabi ssib bosta sfidi sabiex timxi ’l quddiem f’ħajjitha u dan minħabba l-ambjent ta’ madwarna u l-isterjotipi li jeżistu. Saħqet li dan ir-rapport hu wieħed f’waqtu, hekk kif ġie fi sfond ta’ pandemija li kompliet żiedet l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż fejn tidħol it-trobbija.
In-negozjati fuq dan ir-rapport ma kienu xejn faċli, hekk kif uħud mill-punti progressivi sabu diversi ostakli, fosthom minn partiti politiċi oħra li opponewhom bil-kbir.
Dr Cutajar irringrazjat lill-kollegi li wrew fiduċja fix-xogħol li wettqet u saħqet kif baqa’ ħafna aktar ħidma x’issir kemm fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell nazzjonali ta’ membri stati u għalhekk se tkompli taħdem sabiex dan iseħħ.
Intant, fi tweet, is-Soċjalisti u Demokratiċi sejħu dan ir-rapport li nnegozjat l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar għan-nom tagħhom, bħala pont b’saħħtu bejn il-Fondi Ewropej ta’ koeżjoni u l-ugwaljanza u r-rispett lejn id-drittijiet tan-nisa u l-persuni LGBTIQ.