Reklami fil-gazzetta li kien għamel George Hyzler lura fi żmien meta kien Segretarju Parlamentari juru r-riga differenti li qed juża bħala Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan innutah il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li fi programm fuq l-istazzjon nazzjonali wera r-reklam li kien għamel Hyzler fuq il-gazzetta meta kien Segretarju Parlamentari fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan ir-reklam jindirizza lill-kostitwenti tiegħu u fih jistieden lil kull min jixtieq jiltaqa’ miegħu biex jagħmel kuntatt miegħu jew imur l-uffiċju fil-ħinijiet li wkoll huma imniżżla fir-reklam. Reklam li kien ġie ppubblikat kemm fuq it-‘Times’ kif ukoll fuq il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ‘Il-Mument’.
Din il-promozzjoni personali ppublikata fil-gazzetti tixbaħ lil dik li l-Kummissarju tal-Istandards qal li mhix waħda permessibli li ssir minn Ministru minn fondi pubbliċi, meta ġie biex jiddeċiedi dwar reklam li sar fil-gazzetta mill-Ministru Carmelo Abela.
Dr Hyzler qal, “Dak ir-reklam kien 50% ritratt u l-kumplament il-ftit li kien hemm miktub ma tefa’ dawl fuq xejn tal-Ministeru ħlief daqsxejn slogans.”
Fil-bidu tal-ġimgħa waqt l-aġġornament tas-seduta parlamentari l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield ukoll kien esprima d-diżappunt tiegħu u nnota kif il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ma jsegwix standards għolja fl-ingaġġ ta’ persons of trust fl-uffiċċju tiegħu u fil-mod li bih jagħmel ir-reklamar tal-uffiċċju li jmexxi, fil-ġurnali.