Il-lokalità ta’ Marsaskala se jkollha bini amministrattiv ġdid li se jieħu post l-uffiċċji tal-kunsill lokali u joffri numru ta’ faċilitajiet għall-użu mill-komunità ta’ Marsaskala.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li l-bini l-ġdid, li se jkun f’post ċentrali, se jinbena grazzi għal investiment ta’ €530,000 mill-fondi tad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-bini amministrattiv il-ġdid ta’ żewġ sulari se jkun jinsab fil-pjazza ewlenija tal-lokalità, viċin il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaskala. Huwa sostna li permezz ta’ dan il-fond, qed jiġu ffinanzjati proġetti għall-komunità. Wara r-riforma ta’ dan il-fond is-sena li għaddiet, issa l-Gvern jinsab aktar iffukat fuq proġetti ambjentali u soċjali li se jtejbu l-l-ħarsien u d-dimensjonijiet soċjali ta’ pajjiżna.
Huwa spjega li dan il-fond jirċievi finanzjament minn sorsi differenti, bil-kontravenzjonijiet tal-parkeġġ ewlenin fosthom. Huwa saħaq li l-kontribuzzjoni, għalhekk, qed tinżamm fil-lokalità biex tintuża fuq proġetti li jtejbu l-faċilitajiet tal-komunità u ż-żoni ħodor tagħha.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tad-Development Planning Fund, Vincent Cassar, qal li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ilu jixtieq li dan il-proġett jitwettaq għal bosta snin. Tenna li bis-saħħa ta’ dan il-fond tal-Awtorità tal-Ippjanar li din il-ħolma issa tista’ tiġi implimentata u mwassla b’mod effettiv għall-benefiċċju tal-komunità ta’ Marsaskala. Sotna li matul is-snin li għaddew, din il-lokalità rreġistrat wieħed mill-ogħla tkabbir tal-popolazzjoni u għalhekk huwa xieraq li l-Kunsill Lokali jkollu faċilità ġdida, moderna u aċċessibbli minn fejn jamministra u jipprovdi servizzi essenzjali għar-residenti tiegħu.