Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li post nies ġodda fil-partit huwa fi spazju artifiċjali li ser joħloq għalihom. F’intervista meta mistoqsi hux lest jaċċetta nies ġodda fil-Partit Nazzjonalista, Grech stqarr li huwa lest jilqagħhom biss b’mod artifiċjali. B’hekk dawn ma jkollhom l-ebda sehem attiv fil-politika tal-Partit iżda jkunu hemm biss għad-dehra.
Qal, “Li rridu mhux biss allura nies ġodda, mhux biss uċuħ ġodda imma rridu wkoll nagħmlu b’mod anke jekk hemm bżonn artifiċjali, spazju ħalli dawk in-nies tassew ikunu jistgħu jidħlu u jieħdu posthom.”
Sorsi mill-imkejjen tad-Dar Ċentrali qalu ma’ ONE News kif l-establishment tal-Partit Nazzjonalista ordna speċifikament li ssir din id-dikjarazzjoni sabiex filwaqt li tingħata l-impressjoni li l-Partit irid jilqa’ nies ġodda, ħadd ma jaħseb li billi jidħol lura fil-partit ser jintlaqa’ b’xi tapit aħmar u jtuh l-opportunità li jagħmel xi tibdil mill-istatus quo li jinforza l-establishment. B’hekk persuni li diġà fil-passat marru kontra l-establishment Nazzjonalista jitnaffru ‘l hemm u ma jitħajrux jirritornaw.
Dan l-atteġjament deher ukoll b’mod ċar meta f’Jannar li għadda, disa’ kandidati rtiraw minn elezzjoni ta’ kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista wara li ħassewhom imminati. B’reazzjoni għal din ir-riżenja ta’ Nazzjonalisti stess, id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kien qal li “affari tagħhom” u li mingħajrhom l-affarijiet xorta jkomplu.
Qal, “Dak kienet elezzjoni ta’ kumitat sezzjonali ġewwa Tas-Sliema, kien hemm numru ta’ kandidati, rtiraw. Affari tagħhom, naturalment l-affarijiet ikomplu.”