Fl-okkażjoni ta’ Jum id-Dinja, inġabru aktar minn ħames mitt kilogramma ta’ skart f’numru ta’ attivitajiet tat-tindif li ġew organizzati mill-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Ambjent.
Dawn l-attivitajiet tat-tindif saru fiż-żona ta’ Wied Qirda, Delimara, il-Buskett, id-Dwejra u Għar Ħasan, bis-sehem ta’ uffiċjali mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, WasteServ u Ambjent Malta.
Il-Ministru Aaron Farrugia fakkar kif il-ħarsien tal-ambjent kien fost l-aktar importanti fil-miżuri tal-manifest elettorali, u kif apparti dawn, il-Gvern nieda l-pjan tiegħu għal strateġija ta’ skart fit-tul.
Il-Ministru Carmelo Abela semma kif f’diversi proġetti, il-Gvern qed jara t-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar flimkien mat-tħawwil ta’ siġra għal kull wild ġdid.