Id-daqqa li qala’ Bradley Carabott, b’arma li taqta’ u bil-ponta, kienet fuq in-naħa tal-lemin tad-dahar u laqtet il-pulmun.
Dan intqal fil-Qorti minn tabib li eżamina lil Carabott, waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Marlon Zarb ta’ 32 sena, li jinsab akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Carabott.
Il-każ imur lura għat-12 t’April ta’ din is-sena, meta kien hemm ġlieda fil-Marsa.
Waqt din il-kumpilazzjoni, xehed raġel li kien fuq il-post waqt il-ħin tal-argument. Dan qal li sema’ li l-akkużat beda jgħid lil Carabott “x’għamiltli, x’għamiltli”. Qal kif huwa nzerta jaf liż-żewġ persuni.
Qal li wara l-argument huwa wassal lil Bradley Carabott lejn id-dar. Ix-xhud qal li ried iwasslu f’xi klinika minħabba li ralu ftit demm f’daru, iżda qallu biex iwasslu d-dar.
F’din il-kumpilazzjoni, xehed ukoll missier Bradley Carabott, li qal kif dakinhar meta wasal id-dar, sab lill-ibnu mixħut fuq is-sufan.
Qal li kien hu li ċempel għall-għajnuna, hekk kif ibnu beda jintilef minn sensih.
Semma wkoll kif it-tnejn kienu ħbieb ta’ xulxin.