Il-familja tal-gunner Matthew Psaila ħadet €178,500 f’kumpens wara li s-suldat tilef ħajtu waqt eżerċizzju tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Wied il-Qlejgħa.
Il-każ imur lura għas-16 ta’ Frar 2009.
Fil-Qorti kien intqal li Psaila kien jiddejjaq jgħum f’ilma fondi.
Huwa kien għereq f’ilma kiesaħ fiċ-Chadwick Lakes.
Huwa kien intilef u nstab ftit wara mitluf minn sensih u spiċċa jaqla’ l-ilma meta ngħata l-ewwel għajnuna.
Is-sitwazzjoni ta’ saħħtu kienet kompliet tiggrava u fil-Qorti kien instema’ kif ambulanza kienet damet ħafna biex tasal.
Il-familja kienet fetħet l-kawża kontra l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati kif ukoll il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.
Fil-Qorti, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri qalet li persuna oħra kienet infurmat lill-Armata li ma kinitx taf tgħum iżda xorta ġiet ordnata tagħmel l-eżerċizzju mingħajr ma ngħatat l-affarijiet meħtieġa biex tissalvagwardja saħħitha u s-sigurtà tagħha.
F’dan l-eżerċizzju suldat ieħor spiċċa b’kumplikazzjonijiet f’saħħtu.
Quddiem dan kollu, il-Qorti qalet li l-Armata taħti 80% tal-każ u ordnat lill-Kap Kmandant iħallas il-kumpens lill-familja Psaila.