Il-ġenerożità tal-Maltin hi magħrufa sew daqs l-ospitalità tagħhom, għalhekk l-organizzaturi ta’ Global Run Valletta 2016 qed jittamaw li l-parteċipanti f’dan l-avveniment ġdid jappoġġjaw il-ħidma ta’ Puttinu Cares f’din it-tiġrija unika ta’ livell internazzjonali li se ssir fil-Belt Valletta il-Ħadd 30 t’Ottubru, 2016.
“Peress li jien runner regolari, nista’ ngħid li jagħtini sodisfazzjon kbir meta naqsam il-finishing line. Puttinu Cares hi sieħeb perfett għall-Global Run Valletta għax hi ddedikata biex tgħin lin-nies jaqsmu dik il-linja importanti fil-ħajja u jżommu l-aspirazzjonijiet u t-tamiet tagħhom ħajjin,” qal Stephen Xuereb, Kap Operattiv tal-Global Ports Holding u Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port.
Il-ġirja ta’ 10 kilometri flimkien mal-ġirja ta’ 5 kilometri u anki mixja ta’ 5 kilomteri mistennija jattiraw l-attenzjoni ta’ atleti ddedikati kemm f’Malta kif ukoll minn pajjiżi oħra.
Il-miżata tal-parteċipazzjoni għal 10 kilometri hi ta’ €10, u ta’ €5 kemm għat-tiġrija ta’ 5 kilometri kif ukoll l-istess miżata għall-mixja ta’ 5 kilometri. L-organizzaturi ħabbru li l-flus miġbura minn dawn il-miżati se jingħataw kollha kemm huma lil Puttinu Cares.
Kull min jixtieq aktar informazzjoni jew għar-reġistrazzjoni, wieħed jista’ jżur www.globalrunvalletta.com. Aktar tagħrif dwar Global Run Valletta 2016 jinkiseb minn fuq facebook.com/globalrunseries u instagram.com/globalrunseries