B’investiment ta’ sitt mitt elf ewro, il-komunità Dinglija qed tgawdi minn spazju miftuħ f’żona, li kienet fi stat ta’ abbandun, biswit il-grawnd ta’ Dingli Swallows FC.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett fuq medda ta’ elfejn metru kwadru, il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg, qal li l-Gvern huwa favur infrastruttura ħadra.
Spjega kif art abbandunata inbidlet fi ġnien b’siġar u pjanti indiġeni, u faċilitajiet oħra, fosthom parkeġġ li jakkomoda 25 karozza, b’uħud minnhom għandhom faċilitajiet ta’ charging għall-karozzi elettriċi.
Dan il-proġett jinkludi wkoll ġibjun kbir għall-ħażna tal-ilma b’investiment ta’ mija u għoxrin elf ewro.
Is-Sindku tal-lokalità Raymond Schembri qal li l-ilma tax-xita se jintuża wkoll għat-tisqija tas-siġar madwar il-lokalità.
Huwa stqarr: “Fi Triq Ġużè Ellul Mercer minn wara l-knisja kien jinżel ammont ta’ ilma tax-xita li llum kollu jispiċċa ġol-ġibjun li minnu l-Kunsill Lokali ser ikun qed isaqqi bosta soft areas li għandu, inkluż anke hawnhekk.”
Il-Ministru Borg qal li dan l-ispazju huwa aċċessibbli għal kulħadd permezz ta’ rampi u materjali ta’ pavimentar apposta għal persuni b’diżabilità.
Huwa tenna li l-Gvern huwa kommess li titkompla l-ħidma tagħna favur il-ġid tal-komunitajiet.
Il-Ministru Borg sostna: “Dan l-ispazju kien investiment importanti illi l-Kunsill Lokali qatt ma seta’ jagħmel u għalhekk dħalna għalih bħalma qed nidħlu f’numru ta’ komunitajiet oħra u mbagħad il-proġett nazzjonali li qed jagħmel il-Public Works, il-Malta National Park. Inħares ’il quddiem illi nkomplu nagħtu spazji miftuħa bħal dawn f’kull rokna tal-pajjiż.”