Dalgħodu tħabbar prospett ġdid għall-Kulleġġ tal-Arti u x-Xjenza, l-MCAST.
Dan il-kulleġġ qed joffri mija u disgħin kors full-time f’diversi oqsma fosthom sitt korsijiet ġodda.
Fl-għoxrin sena mit-twaqqif ta’ dan il-kulleġġ, ingħatat ukoll libsa ġdida tad-dehra ta’ din l-istituzzjoni edukattiva.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-Gvern se jkompli joffri s-sostenn meħtieġ biex is-settur vokazzjonali u professjonali jibqa’ ta’ importanza fil-preparazzjoni tal-istudenti u l-ħaddiema f’pajjiżna.
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekutiv tal-MCAST, il-Professur James Joachim Calleja qal li l-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-kulleġġ hija opportunità biex inħarsu ’l quddiem.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li madwar erbgħin elf persuna komplew bl-istudji tagħhom fl-MCAST u bħalissa hemm kważi sitt elef u tliet mitt student jistudjaw fil-Kulleġġ.