B’referenza għall-filmat li qed idur fuq il-mezzi tal-media soċjali li juru żewġ ħaddiema f’gaġġa, li għal xi raġuni fallitilha s-sistema tal-irfigħ, l-Awtorità għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA fi stqarrija qalet li l-filmati la jagħtu indikazzjoni tal-lokalità fejn ittieħdu u lanqas ta’ meta ttieħdu, għalkemm jidher ċar li ma ttieħdux f’dawn il-ġranet.
L-isqarrija żiedet tgħid li l-fatt li persuna ddeċidiet li tieħu filmat u ttellgħu fuq il-media soċjali, mingħajr ma nfurmat lill-OHSA ifisser biss li l-ħaddiema tħallew f’sitwazzjoni ta’ periklu. Ifisser ukoll li gġalhekk l-OHSA ma setgħetx tintervjeni jew tinvestiga bl-iskop li inċidenti bħal dawn ma jirrepetux irwieħhom.
L-OHSA saħqet li f’każijiet fejn se jkun se jsir xogħol fl-għoli, idealment għandu jintuża mobile elevated working platform. Jekk dan mhux possibbli, is-sistema tal-irfigħ, inkluż il-kontrapiż u l-mutur, għandha tkun iddisinjata u mmanifatturata biex tiflaħ il-piż kollu tal gaġġa, tal-ħaddiema, tal-għodda u materjal ieħor. Is-sistema tal-irfigħ, il-gaġġa u slings iridu jkun eżaminati u ċċertifikati minn persuna kompetenti.
Barra minn dan, qalet li għandu jintlibes safety harness imqabbad ma’ anchor point sikur u separat mis-sistema tal-irfigħ. Trid issir ukoll evalwazzjoni tar-riskju minn persuna kompetenti li tinkludi, fost oħrajn, mezzi ta’evakwazzjoni u komunikazzjoni u l-użu ta’ safety harness.
L-OHSA insistiet bil-qawwa kollha li min josserva sitwazzjonijiet ta’ xogħol perikoluż għandu immedjatament jirrapporta lill-OHSA, anki b’mod anonimu fuq 21247677 (waqt il-ħin tax-xogħol) jew 99496786 (wara l-ħin tax-xogħol) jew b’email: ohsa@gov.mt