Il-Whip tal-Gvern, Glenn Bedingfield esprima d-diżappunt dwar l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li mistoqsijiet parlamentari li kienu saru dwaru u dwar l-uffiċċju li jmexxi għadhom mhux imwieġba.
Qal kif qed ikun hemm motivi politiċi wara l-ħidma ta’ dan il-Kummissarju.
Bedingfield qal kif kienu saru mistoqsijiet parlamentari dwar dan l-uffiċċju fl-24 ta’ Frar li għadhom mhux imwieġba fosthom dwar l-ingaġġ ta’ konsulenti li ġew ingaġġati mingħajr sejħa pubblika.
Qal kif din mhux l-ewwel darba li Dr Hyzler evita milli jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari.
Qal kif meta George Hyzler kien Segretarju Parlamentari, fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti, huwa kien ikun irid raġuni biex jagħti informazzjoni dwar reklamar.
Qal li filwaqt li l-Gvern ma jistax jagħmel reklam, l-uffiċċju ta’ Hyzler meta jkun irid jagħmel reklam jaqbad u jagħżel sit elettroniku jew gazzetta hu.
Glenn Bedingfield innota kif anke fuq ingaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja, il-Gvern għandu standards għolja iżda nnota kif ir-regoli ma jidhirx li japplikaw għall-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards.
Glenn Bedingfield qal li hu żball li bħala Kummissarju laħaq xi ħadd li kien fil-politika u qed juri li qalbu għadha tħabbat għal naħa waħda fil-politika.
Qal li fost l-oħrajn, Hyzler ma jridx iwieġeb dwar konsulenti li għażilhom hu mingħajr sejħa pubblika.
Bedingfield qal kif x-xufier ta’ Hyzler huwa mħallas bi skala disa’ mal-Gvern.
Paga li hija simili għal dik ta’ għalliema, prokuratur legali mal-Gvern u tabib għadu jibda.
Innota wkoll kif filwaqt li kiteb ħafna kontra l-persuni ta’ fiduċja, ħamsa minn sitt persuni li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ Dr Hyzler huma persuni ta’ fiduċja.
Fost dawn hemm nies li kienu jaħdmu fl-uffiċċju tiegħu meta kien Segretarju Parlamentari fosthom ukoll nies li qal li għandhom fuq rashom delijiet ta’ korruzzjoni fost l-oħrajn.
Qal kif fost l-oħrajn ġiet impjegata persuna li kienet taħdem ma’ ġurnal li f’daqqa waħda, fuq dan il-ġurnal qed jiġu rrappurtati leaks mill-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Sostna kif filwaqt li l-istandards għandhom ikunu għal kulħadd l-istess, il-ġustizzja trid issir u tidher li qed issir.
Qal li probabli ser jingħad li hu qed jattakka din l-istituzzjoni iżda qal li dan mhux minnu għaliex huwa jemmen f’dan l-uffiċċju iżda li jħares hu ukoll l-istandards li huwa għandu l-irwol li jara li jiġu mħarsa.
Tenna kif huwa qed jikkritika l-persuna u mhux l-istituzzjoni.
Waqt dan id-diskors qam ukoll id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis li fid-dawl ta’ dan kollu talab lid-deputat Glenn Bedingfield biex lil Hyzler iġiblu rispett.