“Wasal iż-żmien li nwaqqfu l-finanzjament tal-kriminalità organizzata li qiegħda tuża l-politika ta’ projbizzjoni li twassal lil dawk li jużaw il-kannabis fi swieq illegali filwaqt li jkunu qegħdin jixtru prodott inferjuri mingħajr regolamentazzjoni,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt konferenza li organizza b’mod virtwali fil-Parlament Ewropew flimkien ma’ ENCOD, il-Koalizzjoni Ewropea għall-Politika dwar id-Drogi Ġusta u Effettiva.
Engerer stqarr li politika ta’ projbizzjoni tal-kannabis timbuttaw il-kummerċ tagħha fi swieq illegali. Dan joħloq sors finanzjarju sostanzjali għall-kriminalità organizzata fil-Mediterran. Għaldaqstant it-tneħħija ta’ dan id-dħul permezz tal-legalizzazzjoni tal-kannabis se tolqot lit-traffikanti fil-but tagħhom.
Fid-diskors tiegħu bejn żewġ panels ta’ diskussjoni ta’ esperti ta’ livell għoli li jinkludu Membri Parlamentari, Membri Parlamentari Ewropej, esperti fuq il-politika dwar id-drogi, akkademiċi, esperti dwar harm reduction, tossikologi u psikjatri minn madwar l-istati membri tal-Unjoni Ewropea, Engerer saħaq li l-mod ta’ kif jiġu miġġielda s-swieq illegali attwali ta’ kriminali mifruxa ma’ tul il-Mediterran huwa permezz ta’ legalizzazzjoni ta’ swieq tal-kannabis sabiex jitneħħa l-kontroll tal-produzzjoni minn idejn it-traffikanti u jitqiegħed f’qafas aktar regolat u sigur.
Skont tnejn mill-Kelliema, Ekonomisti u Professuri Marco Rossi mill-Università ta’ Sapienza u Professur Justus Haucap mill-Università ta’ Dusseldorf, it-tnejn stmaw li biljuni ta’ flus huma miksuba minn ċrieki ta’ kriminalità organizzata kull sena minħabba n-nuqqas ta’ liġijiet madwar il-politika tal-kannabis. Tali politika, sostna Engerer, se twitti t-triq għal Malta biex tinħeles mill-jasar li bosta pajjiżi jsibu ruħhom fih, imjassra fejn tidħol il-kriminalità organizzata fil-Mediterran minħabba n-nuqqas ta’ liġijiet fuq is-suq tal-kannabis.
Huma qalu, “Irridu nimxu lil hinn minn din il-mentalità tal-“War on drugs” li ma hi ta’ benefiċċju għal ħadd, ħlief għat-traffikanti. Ma rridux nirrikorru għat-tbeżżigħ bil-babaw fuq dan is-suġġett, irridu nibbażaw il-politiki tagħna fuq il-fatti u x-xjenza. Irridu nadottaw politika li tippermettielna nressqu l-politika tal-kannabis mill-perspettiva tal-qasam tal-Affarijiet tal-Intern u l-Pulizija, għal perspettiva aktar ta’ politika soċjali. Iżda dan ma jistax isir jekk inkomplu niffukaw biss fuq politiki ta’ projbizzjoni li huma ppruvati li jagħmlu dannu kbir lis-soċjetà sħiħa, kif issottolinjat mill-esperti fuq il-panel illum.”
L-Ewroparlamentari Cyrus Engerer sostna li: “Il-futur huwa magħna u ma nistgħux nibżgħu minnu. Għal wisq żmien kien qed ikollna d-diskussjonijiet żbaljati fuq suġġett li konna nafu veru ftit dwaru. Huwa ż-żmien li nieqfu nagħmlu dan. Huwa l-mument li nisimgħu mill-akkademiċi, mix-xjentisti, mis-social workers u mill-attivisti u ntemmu din il-politika ta’ projbizzjoni.”
Matul il-konferenza Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer qal li se jkun qiegħed iressaq numru ta’ proposti lill-Gvern Malti fil-konsultazzjoni li qiegħed jagħmel dwar il-kannabis għall-użu personali.