F’ruling li ta llejla, l-Ispeaker tal-Parlament saħaq li kull xhud li jintalab jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi u li ma jkollu ebda akkuża fil-konfront tiegħu b’rabta mal-materja li tkun qed tiġi trattata mill-istess Kumitat, għandu jirrispondi għad-domandi li jsirulu.
Madankollu fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker qal li x-xhud ma jistax jiġi kostrett jirrispondi dawk id-domandi li hu jew l-Avukat tiegħu jħoss li jistgħu jinkriminawh.
Id-deċiżjoni tal-President tal-Kamra tad-Deputati ngħatat b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Erbgħa li għadda, meta Brian Tonna, li qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, għażel li ma jirrispondix għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
Il-Kumitat kien qed jiddiskuti l-kuntratt tal-Electrogas u l-Avukat tas-Sur Tonna kien qal li l-klijent tiegħu ġie mistoqsi dwar l-Electrogas f’inkjesti oħra li jistgħu jimplikawh bħala potenzjal suspettat.