F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u mid-Deputat Laburista Silvio Schembri ntqal kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fid-dokument ta’ qabel il-baġit, qed jgħid li se jkeċċi lill-ħaddiema tal-Gvern u jipprivatizza lis-settur pubbliku f’dak li sejjaħ bħala non-core services.
Silvio Schembri sostna li d-dokument ta’ qabel il-baġit li nieda l-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex costed u hemm bosta proposti li huma mitfugħa bl-addoċċ u mingħajr ħsieb ta’ xejn. Hemm ukoll proposti li dan il-Gvern jew diġa’ wettaq jew inkella li qed jaħdem fuqhom.
Id-deputat Laburista ssokta jgħid li anke fuq il-proposti stess li kiteb lill-Kap tal-Oppożizzjoni ma tistax temmnu, għax la huwa jiftaħar tant li kiteb żewġ manifesti elettorali, kif allura dawn il-proposti, jekk tant jemmen fihom, ma daħħalhomx qabel? Silvio Schembri staqsa kemm huwa l-ammont ta’ nies minn mal-Gvern li l-Kap tal-Oppożizzjoni bi ħsiebu jkeċċi, min huma l-ħaddiema, x’se jiġri mill-familji tagħhom u jekk hux qed jitkellem mal-Unjins.
Id-deputat Laburista staqsa liema huma dawk l-entitajiet u dipartimenti tal-Gvern li Simon Busuttil irid jipprivatizza u staqsa minn fejn se jkun qed jiffranka l-flus li qed jgħid li jrid jiffranka.
Min-naħa tiegħu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li bil-proposta tal-Oppożizzjoni li ssir Human resources audit mhux biss se jfisser li bħala Prim Ministru Simon Busuttil se jkun qed jagħti transfers vendikattivi għax qal li se jċaqlaq minn post għal ieħor, bħal kien għamel il-PN stess fis-snin 80, iżda effettivament se jkun qed ikeċċi l-ħaddiema.
Il-Ministru qal li filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ikeċċi lill-ħaddiema, dan il-Gvern żied mad-900 persuna fil-qasam tas-saħħa biss fosthom 116 –il tabib, 163 infermier, se jdaħħal aktar midwives u se jkunu impjegati wkoll l-infermiera wara li jkun lestew ir-resits tagħhom.
Dr Fearne spjega kif 9 minn kull 10 impjiegi maħluqa f’pajjiżna kienu fis-settur privat li ammontaw għal 19,500 post tax-xogħol ġdid. Fl-aħħarnett il-Ministru tas-Saħħa fakkar kif il-workforce fis-settur pubbliku taħt dan il-Gvern naqqset minn 27% li kien hemm fiż-żmien il-PN għal 25%. “Irid inserraħ moħħ il-ħaddiema tal-Gvern li posthom ma’ dan il-Gvern huwa sigur” temm jgħid Chris Fearne.