Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat konferenza tal-aħbarijiet li matula appellat lis-soċjetà Maltija sabiex ‘tifhem aktar u tagħraf is-sofferenza ta’ dawn ħutna fis-soċjetà tagħna u tkun ta’ appoġġ fejn ikun hemm bżonn’.
Filwaqt li raddet ħajr lil dawk l-għaqdiet u organizzazzjonijiet,professjonalisti tas-saħħa u informal carers, li jaħdmu f’dan il-qasam ‘b’risq ħutna bi problemi ta’ saħħa mentali fis-soċjetà Maltija’, il- President Coleiro Preca tenniet li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, wieħed minn kull erba’ persuni ikollhom problemi ta’ saħħa mentali f’xi punt fil-ħajja tagħhom, u sal- 2030, id-dippressjoni se tkun il-kawża ewlenija ta’ problemi ta’ saħħa madwar id-dinja.
“Dan ifisser li l-problemi ta’ saħħa mentali jaffettwana lkoll, direttament jew indirettament”.
“Jeħtieġ li nkomplu nżidu l-isforzi tagħna biex naħdmu ħalli tinbidel il-kultura u l-perċezzjoni li għandhom ħafna nies dwar il-problemi ta’ saħħa mentali, u fl-istess waqt intejbu u nsaħħu s-servizzi ta’ kura pprovduti, speċjalment fil-komunità.” Fid-dawl ta’ dan, il-President wriet sodisfazzjon lejn il-pożizzjoni li ġiet ppubblikata lbieraħ mill-Allejanza għas-Saħħa Mentali.
L-istess pożizzjoni hija rifless wkoll fis-sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni organizzati mill- Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà matul ix-xhur li għaddew bl-għan li tifhem aktar il- bżonnijiet ta’ persuni milquta bi problemi ta’ saħħa mentali.