Ix-xogħlijiet fuq il-grawnd pubbliku u l-open gym li jinsabu biswit it-trakka tal-Motorcross f’Ta’ Qali, mexjin ġmielhom biex b’investiment ta’ €55,000, dan l-ispazju rikreattiv jiġi rinovat biex jintuża mill-familji.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar stqaqrr: “Il-Gvern fil-budget identifika diversi siti sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex sabiex jew nirranġawhom, intejbuhom jew nagħmlu faċilitajiet ġodda biex in-nies ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport.”
F’dan il-proġett, SportMalta bidlet l-art tal-grawnd, irranġat l-injam tad-dawra u installat ukoll apparat ġdid fl-outdoor gym.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima tenna l-impenn tal-Gvern għal san is-settur.
Huwa sostna: “Nemmnu wkoll li l-istess faċilitajiet għandhom ikunu aċċessiblli għall-familji kollha u mingħajr l-ebda ħlas.”
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil appella għar-responsabbiltà ta’ dawk kollha li jużaw dawn il-faċilitajiet.
Huwa qal, “L-appell min-naħa tiegħi huwa biex dan huwa proġett tal-poplu u kull min jużah jieħu ħsiebu u jħallih tajjeb għal ta’ warajh.”