L-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-turiżmu kienu sodisfatti bl-aħħar miżuri li ħabbar il-Gvern il-Ġimgħa biex ikomplu jgħinu lis-settur tal-ospitalità.
Il-President tal-FATTA, Iain Tonna spjega li permezz ta’ dawn l-iskemi, is-settur tal-konferenza se jgawdi minn skema ta’ erba’ miljun ewro fejn se jingħataw flus lil kull delegat li jattendi konferenza li tkun organizzata f’Malta jew f’Għawdex.
Tonna spjega li din l-iskema se tagħti spinta sinjifikanti.
Hu qal, “L-iktar li laqatna kien dak tal-MICE, għax il-benefiċċju tal-miżuri mħabbra, ħa jgawdi minnhom, ħa jibbenefikaw minnhom, mhux biss aġenti li jġibu t-turiżmu u lukandi biss li jakkomodaw turisti. Hemm ħafna fornituri oħra li ġeneralment ma jibbenefikawx minnhom eżempju kumpaniji tat-turiżmu li jipprovdu awdjo-viżjoni.”
Tonna spjega li dawn it-turisti, li jattendu l-konferenzi huma kruċjali hekk kif dan it-tip ta’ turiżmu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt staġjonali.
Għalkemm għalissa ma jistgħux isiru konferenzi f’pajjiżna, Tonna spjega li skemi bħal dawn jagħtu ċans lill-operaturi biex jippjanaw fit-tul.
Il-President tal-FATTA sostna,“Aħna nħossu li dawn l-inizjattivi tawna spinta ġdida, u anke inkoraġġiment biex inkomplu ntejbu t-turiżmu. Ovvjament l-importanti li wieħed jifhem li dawn il-miżuri ma tiġġenerax riżultati illum jew għada jew pitgħada. Fis-settur tal-MICE, l-industrija għanda stennija disa’ xhur fis-sena.”
Intant fis-stqarrija, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-turiżmu, il-GTA laqgħet b’sodisfazzjon iż-żewġ skemi ta’ inċentivi mħabbra hekk kif stqarret li dawn l-inċentivi li se jagħmlu s-settur turistiku Għawdxi kompetittiv.