Dalgħodu ttellgħet konferenza dwar il-mitt sena mill-Kostituzzjoni tal-1921 taħt il-patroċinju tal-president ta’ Malta George Vella.
Din fakkret il-kisba importanti fl-istorja ta’ pajjiżna li tat l-ewwel awtonomija lill-Malti fit-tmexxija ta’ pajjiżu.
Din ħolqot sitwazzjoni fejn Malta għall-ewwel darba kellha Gvern Malti li flimkien ma’ Gvern Imperjali kellu jmexxi lil dan il-pajjiż.
Fil-fatt il-Gvern Malti kellu f’idu t-tmexxija ta’ affarijiet lokali filwaqt li l-Gvern Imperjali kien jieħu ħsieb affarijiet riżervati.
Il-President George Vella li fetaħ din il-konferenza stqarr kif din hija opportunitá sabiex ikun mixtarr dan l-avveniment u l-importanza li kellu għal pajjiżna.
Innota kif din kienet żvolta importanti ħafna fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna u qal kif din għall-ewwel darba tat sehem dirett lill-poplu Malti fit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti numru ta’ esperti fil-qasam li għamlu l-intervent tagħhom, filwaqt li numru ta’ persuni oħra ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-intervent jew il-mistoqsija tagħhom b’mod virtwali.