Il-morning after pill. Ħames snin ilu ġiet introdotta f’pajjiżna iżda għadha suġġett ta’ diskussjoni u xettiċiżmu għal bosta. Żorna ħames spiżeriji, irnexxielna nakkwistaw il-morning after pill minn spiżerija waħda biss.
Ħafna drabi qabel ibiegħu l-morning after pill, spiżjara jsaqsu xi mistoqsijiet. L-ispiżerija li rnexxielna nixtru minna, saqsietna speċifikament meta sar l-att sesswali.
Żorna għadd ta’ spiżeriji matul il-jum tas-Sibt fejn bosta spiżeriji jkunu miftuħin mingħajr problemi, iżda tul dawn l-aħħar snin bosta nisa wrew sens ta’ diżappunt meta ppruvaw jakkwistaw il-morning after pill fil-jum tal-Ħadd fejn l-ammont ta’ spiżeriji miftuħin ikun ħafna iktar limitat.
Huma diversi r-raġunijiet għala spiżerija tirrifjuta li tbigħ mediċina bħal din, fosthom hemm dik imsejħa bħala conscientious objection, li tfisser oġġezzjoni minħabba raġunijiet ta’ kuxjenza.
Għal dan il-għan, tkellimna ma’ tabiba li tispeċjalizza fuq saħħet il-mara li fi ftit kliem xejnet għal kollox id-dubju dwar jekk il-morning after pill hijiex abortiva.
Spjegat kif, “Le, le mhix abortiva.”
Fis-suq hawn żewġ tipi ta’ morning after pill u spiżjar jipprovdilek l-aktar waħda adattata għalik skont meta ħadt sehem fl-att sesswali.
Qalet kif, “Hija mediċina li sippost issibha over the counter mingħajr preskrizzjoni. Ovvjament tara li hija adattata għal dak li jkun, però importanti li dawn l-affarijiet ikunu available għan-nisa, għall-koppji.”
Filwaqt li saħqet fuq l-importanza li din il-mediċina tinbigħ fis-suq, wissiet ukoll li din għandha tittieħed b’responsabbilità kbira.