Bernie Madoff, investitur ta’ Wall Street li kien intbagħat il-ħabs fuq wieħed mill-akbar każ ta’ frodi fl-Istati Uniti, miet il-ħabs fl-età ta’ tnejn u tmenin sena.
Madoff kien qed iservi sentenza ta’ mija u ħamsin sena ħabs wara li fl-elfejn u disgħa ammetta l-akkużi ta’ frodi.
Din kienet ħarġet fil-beraħ tul il-kriżi finanzjarja tal-elfejn u tmienja.
Fi stqarrija, l-Avukat tiegħu qal li sa mewtu, Madoff kien qed jgħix b’dispjaċir kbir għar-reati li wettaq.
Il-kumpanija li kien imexxi Madoff ġiet invesigata minn tal-anqas tmien darbiet mill-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Istati Uniti.
B’kollox huwa stmat li mal-ħamsa u sittin biljun dollaru Amerikan ġew frodati minn klijenti ta’ Madoff, sbatax-il biljun minnhom kienu flus kontanti.
Minn dawn, l-awtoritajiet irnexxielhom jiksbu mill-ġdid mal-erbatax-il-biljun dollaru.