Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat dalgħodu bejn il-Malta Enterpise u l-Kamra tal-Kummerċ, l-istart-ups f’pajjiżna se jingħataw sħubija mal-Kamra tal-Kummerċ li tipprovdilhom pjattaforma biex l-idea tagħhom jiżviluppawha f’intrapriża li tkompli tikber.
Dan il-ftehim li ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb se jkun qed jagħti opportunità wkoll biex l-intrapriżi li jkunu għadhom kemm jibdew l-operat tagħhom isaħħu l-għeruq tatgħhom.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qed tħares ‘il quddiem permezz ta’ din il-kollabrazzjoni flimkien mal-Malta Enterpirse. Is-Sinjura Xuereb qalet illi l-Kamra temmen li l-istart-ups huma l-futur tal-intrapriża f’Malta u għalhekk il-Kamra se tkun qed tati pjattaforma ta’ esperjenzi minn intreprendituri t’esperjenza. Dan filwaqt li l-intraprendituri l-ġodda jkunu jistgħu jagħtu ideat innovattivi f’setturi emerġenti.
Fl-indirizz tagħha l-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli qalet illi permezz ta’ dan il-ftehim se tiżdied is-sinerġija mal-Kamra tal-Kummerċ biex finalment l-istart-ups f’pajjiżna jkunu suċċess kemm lokali u anke internazzjonli. Filwaqt li nassiguraw li jkollna ekonomija sostenibbli u b’saħħitha għall-ġejjieni li twassal għal aktar xogħlijiet ta’ kwalità.
Il-Ministru Dalli saħqet kif il-Malta Enterprise saret sinonima mal-istart-up cafè u elenkat numru ta’ proġetti li qed isiru għall-intrapriżi li għadhom se jibdew bl-operat tagħhom fosthom f’setturi teknoloġiċi u diġitali, fis-sostenn ambjentali kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-Ministru Dalli kompliet tgħid illi fi żmien ta’ sfidi li ġabet magħha l-imxija ħarġu opportunitajiet ġodda, tant li kien hemm kumpaniji li bdew bl-operat tagħhom fosthom fis-settur tal-logħob diġitali fi żmien il-pandemija.