Raġel ta’ 38 sena minn Tas-Sliema baqa’ jinżamm arrestat wara li ammetta li seraq ħafna oġġetti mingħand ommu eżatt wara li miet missieru, biex isostni l-vizzju tad-droga.
Ismu mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti, biex tkun protetta ommu.
Fil-Qorti nstema’ li r-raġel, li huwa wkoll riċediv, kien seraq mutur u karozza ta’ missieru, li kien għadu kif miet.
Huwa seraq ukoll żewġ settijiet tat-televiżjoni u tlett iklieb żgħar.
Jidher ukoll li kienet omm l-akkużat li għamlet rapport lill-Pulizija.
Hu u jammetti l-akkużi miġjuba kontrih, l-akkużat qal li kien ibati minn dipressjoni, u talab skuża.
Is-sentenza mistenija tingħata l-ġimgħa d-dieħla.