It-tifla tar-rispett tal-eks plejer tal-futbol Darren Debono tressqet il-Qorti nhar it-Tlieta flimkien ma’ eks uffiċjal għoli ta’ BNF Bank dwar allegat ħasil tal-flus minn traffikar tal-fjuwil.
Florinda Sultana ta’ 29 sena tressqet bħala eks Direttur tal-kumpanija Nesvan LTD u MSI Catering LTD, u Albert Buttigieg bħala Direttur ta’ Luzzu Catering LTD. Dawn il-kumpaniji għandhom ir-ristoranti Porticello u Capo Mulini. It-tnejn ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti semgħet kif iż-żewġ akkużati ġew arrestati tard is-sena li għaddiet, waqt li l-Pulizija kienet qed tinvestiga allegazzjonjiet ta’ traffikar tal-fjuwil li kien ilaħħaq it-€30 miljun.
L-istess investigazzjonijiet kienu wasslu għall-arrest tal-eks plejers tal-futbol Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, kif ukoll l-awditur Chris Baldacchino.
Dawn il-kumpaniji jidher li għandhom l-istess indirizz fis-Swieqi, u għandhom transazzjonijet bankarji simili.
Dan apparti li jaħdmu bl-istess awditur.
Fil-Qorti l-Ispettur James Turner qal li ż-żewġ ristoranti fil-Belt u f’Marsaxlokk, li t-tnejn jispeċjalizzaw fil-ħut, kellhom sistema ta’ ħlas li ma turix il-qligħ u l-infiq ta’ kuljum, u għaldaqstant tevita l-indħil mill-banek.
Instema’ wkoll kif Buttigieg allegatament kien jaqdi lil Debono meta kien għadu jaħdem il-bank, b’hekk Debono kellu l-mezzi biex jevita li jkun hemm traċċi tal-moviment tal-flus.
Waqt tfittxija li saret fid-dar ta’ Florinda Sultana fil-Mosta f’Novembru li għadda, il-Pulizija sabet €52,000 flus kontanti u dokumenti relatati mal-bejgħ minn erba’ ristoranti.
Hawnhekk jidher li Sultana ma tatx informazzjoni lill-Pulizija, u ġiet mistoqsija wkoll dwar l-akkwist tal-karozza privata tagħha, Audi A1, li għaliha ma nstabux tranżazzjonijiet bankarji.
L-Ispettur Danilo Francalanca mit-Taqsima għall-Kontra l-Ħasil tal-Flus ippreżenta tliet kaxxi fil-Qorti li fihom kien hemm ħwejjeġ ta’ valur li ġew elevati mid-dar ta’ Sultana.
Wara tfittxija separata li saret fid-dar ta’ Buttigieg, il-Pulizija elevaw dokumenti oħra kif ukoll xi apparat elettroniku mir-ristorant Capo Mulini u żewġ garaxxijiet f’Marsaxlokk.
Jidher ukoll li meta mistoqsi, Buttigieg ma spjegax kif negozju li suppost kien qed jaffaċċja xi sfidi, xorta rnexxielu jirreġistra qligħ ta’ miljun ewro.
Hawnhekk qamu wkoll domandi dwar xogħlijiet ta’ rinovar fir-ristoranti, u l-involviment ta’ Spiridione Goodlip, li allegatament ħa struzzjonijiet mingħand Debono.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonfetmat li l-assi tal-akkużati se jiġu friżati, u kkonfermat ordni tal-Qorti Kriminali biex ir-ristoranti msemmija jibqgħu għaddejin taħt superviżjoni.
Il-Qorti appuntant ukoll espert fit-teknoloġija biex janalizza l-apparat elettroniku li ġie elevat.