Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kellu laqgħa ta’ ħidma mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Libja Najla Mangoush u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Turkija Mevlüt Çavuşoğlu f’Ankara, fejn fost l-oħrajn iddiskutew il-ħidma biex titjieb il-ħajja tal-poplu Libjan, kif ukoll l-istabbiltà u l-paċi dejjiema f’dan ir-reġjun.
Hawnhekk il-Minsitri qablu dwar l-importanza li jiġu ndirizzati l-bżonnijiet tal-Libjani, bħan-nuqqas ta’ dawl, ilma, u flus fl-idejn, l-isfidi tal-pandemija u l-prezzijiet għolja tal-ħajja.
Qablu wkoll li għandha tissaħħaħ il-koperazzjoni bejniethom.
Tul il-laqgħa t-tliet Ministri tkellmu wkoll dwar il-ħidma li għadha trid issir fil-qasam tal-avjazzjoni biex il-linji tal-ajru jibdew itiru mill-ġdid minn u lejn il-Libja
Intant f’taħditiet bilaterali bejn il-Gvern Malti u dak Tork, il-Ministru Bartolo awgura titjib fir-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea u bejn il-Greċja u t-Turkija, u awgura wkoll li tingħata spinta ġdida għal soluzzjonijiet f’Ċipru.
Il-Ministru Malti u dak Tork tkellmu ukoll fuq it-tisħiħ tal-koperazzjoni kontra t-terroriżmu.
Ritratti: MFEA