F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Malta George Vella ħabbar li s-Sibt li ġej, 17 ta’ April se jsir webinar dwar il-mitt sena mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-1921.
Din il-Kostituzzjoni fi żmien il-ħakma Ingliża waqqfet il-Parlament Malti u pajjiżna kellu Gvern responsabbli.
Il-President ta’ Malta qal kif inħass li dan il-webinar isir sabiex jitfakkar dan l-iżvilupp politiku ta’ mitt sena ilu.
Qal kif din il-kisba tal-Maltin waslet wara numru ta’ snin, hekk kif il-Maltin mill-bidu tas-seklu dsatax talbu sabiex id-drittijiet tagħhom ikunu rrispettati.
Il-President George Vella qal li jixtieq li joħroġ li nagħrfu iżjed dak li aħna u aktar nies, speċjalment żgħażagħ isiru jafu dwar l-istorja sinjura ta’ pajjiżna.
Il-President Malti saħaq li jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, din il-ġrajja se tkun ikkommemorata, bil-għan li l-poplu Malti jġedded l-identità tiegħu.
Qal, “Xi xtaqt li joħroġ minn dan il-webinar li se nagħmlu? Jiena xtaqt li l-ewwelnett li nagħrfu aktar minn aħna. Xtaqt ukoll li l-istorja tagħna tagħtina sens ta’ kburija, xtaqt li nwasslu liż-żgħażagħ tagħna kif sirna nazzjon.”
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Professur Raymond Mangion, li se jkun parti mill-panel ta’ dan il-webinar.
Qal kif dan l-avveniment kien importanti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Qal kif din il-kostituzzjoni tal-1921 waslet 40 sena wara l-ħolqien tal-partiti politiċi u sentejn wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Il-Professur Mangion qal kif il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna li saret minn J.J. Cremona fl-1964, kellha parti minnha bbażata fuq din il-kostituzzjoni tal-1921.