Ftehim iffirmat bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, se jwassal għal żieda fit-tfal involuti f’attivitá fiżika.
Waqt l-iffirmar tal-MoU, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet kif dan il-ftehim se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-ministeru u l-MFA bl-għan finali li jiżdied in-numru ta’ tfal involuti fil-futbol regolari jew f’attività fiżika, li huwa bżonnjuż għal Malta billi għandna l-ogħla persentaġġ ta’ tfal obeżi fl-Ewropa.
Qalet kif dan il-ftehim se jiffoka fuq il-ħtieġa għal aktar attività fiżika fost it-tfal tal-iskejjel tagħna filwaqt li jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iskola għall-komunità billi jrawwem involviment kontinwu fil-futbol u fl-isport.
Il-kollaborazzjoni se twassal ukoll biex jiżdied in-numru ta’ tfal fl-iskejjel primarji tal-Istat li joffru futbol regolari jew attività fiżika bħala parti mill-programm tal-‘Ġimgħa Attiva’ jew kwalunkwe inizjattiva oħra simili, u jiżdied in-numru, il-varjetà u l-frekwenza ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jimpenjaw ruħhom fil-futbol u biex jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iskola għall-komunità/klabbs billi jrawwem involviment kontinwu fil-futbol/sport, xenarju li diġà qed juri li huwa sħubija ta’ suċċess mal-bniet.
L-għanijiet jintlaħqu permezz ta’ bosta inizjattivi, waħda minnhom hija s-sessjonijiet tal-‘Fun Fit Football’, li se jiffukaw b’mod speċjali fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet fiżiċi u mhux biss ħiliet tekniċi speċifiċi għall-futbol u li jkunu inklussivi għat-tfal kollha tal-iskola bil-parteċipazzjoni kemm ta’ edukaturi kif ukoll tal-LSEs.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li, l-għan tal-MFA huwa li tkompli tikber u ttejjeb il-logħba tal-futbol u n-nies li fiha fil-livelli kollha, filwaqt li trawwem bidla soċjali pożittiva biex tkun imħaddna kultura sportiva. Qal kif huwa għalhekk kruċjali li l-Assoċjazzjoni tal-Futbol u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jaħdmu flimkien biex joffru opportunitajiet lil eluf ta’ tfal, bil-futbol jintuża bħala għodda ta’ tagħlim biex jippromwovi l-inklużjoni u titħaddan id-diversità.
L-MoU ġie ffirmat minn Frank Fabri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u minn Bjorn Vassallo u Angelo Chetcuti, President u Segretarju Ġenerali f’isem il-Malta Football Association.