Il-Ħadd filgħodu l-gazzetti t-Torċa u l-Maltatoday ippubblikaw stħarriġ tal-opinjoni pubblika li t-tnejn li huma taw riżultat b’saħħtu favur il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista.
L-istħarriġ tat-Torċa, magħmul minn Dr Vincent Marmara’ juri li l-partiti politiċi qed iżommu r-riżultat fl-istess ilma tal-elezzjoni tal-2017, bil-Partit Laburista jżomm vantaġġ ta’ 10% fuq il-Partit Nazzjonalista u Robert Abela fdat 12% iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Anke l-istħarriġ tal-Maltatoday juri li Robert Abela jgawdi fiduċja ferm ikbar bid-differenza f’dan il-każ tlaħħaq il-11%.
Imqabbel mal-aħħar stħarriġ tal-istess gazzetta, Robert Abela żied il-fiduċja b’iktar minn 7%.
Iż-żewġ gazzetti nnutaw fil-kummentarju tagħhom li dawn ir-riżultati qed jinkisbu f’mument fejn id-dinja qed taffaċċja pandemija u f’perjodu fejn kien hemm ukoll ċirkostanzi li setgħu poġġew pressjoni fuq il-Gvern.
Fiż-żewġ każijiet kien innutat kif il-Prim Ministru Robert Abela qed jammimistra s-sitwazzjoni b’mod tajjeb u li qed ikun apprezzat mill-poplu.
Filwaqt li l-Prim Ministru hu ffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista daħal f’burdata ta’ elezzjoni ġenerali fejn mhux biss qed iżid l-attakki bl-aħrax imma l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid li jrid il-pandemija tgħaddi biex imur għall-elezzjoni.
Fl-editorjal tagħha t-Torċa kkummentat fid-dettall dwar kif dan ir-riżultat ifisser fiduċja kbira fil-Prim Ministru.
Fl-istess ħin, il-gazzetta t-Torċa qalet li stħarriġ jirrifletti s-sitwazzjoni tal-ġurnata u wieħed irid ikun kawt meta l-elezzjoni baqalha iktar minn sena u ftit xhur.
Ikkummentat kif filwaqt li l-Gvern qed ikun apprezzat għat-tmexxija tiegħu, dan għandu jibni fuq il-messaġġ tal-Prim Ministru f’Jum il-Ħelsien, dik li Malta tibqa’ tibni fuq l-ideat biex tkun imħejjija għall-ġejjieni.