Sudaniż u raġel mill-Kamerun ammettew diversi akkużi relatati ma’ dokumenti foloz u talli kienu fil-pussess ta’ dokumenti li ma kienux tagħhom.
Fil-Qorti ntqal li l-pulizija ġew innotifikati li kien hemm grupp ta’ rġiel fuq titjira lejn Katanja li nqabdu b’dokumenti foloz u dokumenti oħrajn li huma ta’ terzi persuni.
Ir-raġel mill-Kamerun saħaq mal-pulizija li sab id-dokumenti mal-art fit-triq. Dan kien ikkundannat għaxar xhur priġunerija effettiva.
Dan filwaqt li raġel Sudaniż saħansitra qed jitqies bħala riċediv hekk kif f’Ottubru li għadda kien weħel sentenza ta’ tliet xhur ħabs talli kien ħa sehem f’rewwixta fiċ-ċentru ta’ detenzjoni fil-Marsa. Illum, ir-raġel ingħata sentenza ta’ tnax il xahar ħabs.
Min-naħa l-oħra raġel Sudaniż ieħor ġie biss b’dokumenti foloz u li għamel użu minnhom. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.
L-avukat tal-għajnuna legali talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għaliex l-imputat m’għandux mezzi biex jgħix f’pajjiżna. Hu baqa’ jinżamm arrestat.
https://www.one.com.mt/2021/04/10/habs-ghal-zaghzugh-li-xtara-dokumenti-foloz/