S’issa nbnew mill-ġdid ftit aktar minn 300 triq residenzjali bħala parti mill-investiment massiċċ fit-toroq. Dawn it-toroq jammontaw għal aktar minn 110 kilometri, b’titjib fuq 215-il kilometru ta’ bankini u b’370 kilometru ta’ sistemi ġodda mpoġġija taħt l-art. Dawn is-sistemi jinkludu dawk tas-servizzi tal-ilma u l-elettriku fost l-oħrajn.
Waqt żjara li l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg għamel fi Triq San Patrizju, Triq San Aristarku u Triq San Tumas fir-Rabat, li wkoll tlestew din il-ġimgħa, intqal kif din is-sena, Infrastruttura Malta qed tibni medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus stqarr kif il-Gvern qiegħed jerfa’ piż qawwi minn fuq spallejn il-kunsilli lokali billi qed jieħu għalkollox f’idejn il-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali u rurali f’pajjiżna.
Huwa stqarr: “Dan huwa proġett importanti ħafna. Tajjeb li wieħed jgħid li ħaddieħor għamel skema li falla lill-kunsilli lokali meta jidħlu kwistjonijiet ta’ toroq. Dan il-Gvern qed jagħmel ħafna toroq b’livell għoli ħafna.”
Il-Ministru Ian Borg spjega kif dan il-Gvern qed iżomm kelmtu u permezz ta’ investiment ta’ €700 miljun qed jġedded l-infrastruttura tat-toroq ta’ pajjiżna. Stqarr li dan l-investiment qed iwassal sabiex eluf ta’ familji diġà qed jesperjenzaw u jgawdu minn toroq residenzjali ta’ kwalità għolja u ambjent aħjar fejn jgħixu.
Huwa qal, “Iżjed minn ħames mitt triq meta tikkunsidra anke dawk rurali. Huwa ċar illi l-Gvern qed iżomm il-kelma li ta lin-nies fl-2017 meta qalilhom isma jiena ħa ninvesti 700 miljun f’seba’ snin, mitt miljun fis-sena xogħlijiet ħalli l-familji Maltin u Għawdxin ikollhom toroq li jixirqulhom, toroq b’infrastruttura tajba.”