Joseph Brincat ta’ 34 sena li joqgħod l-Isla weħel erba’ snin ħabs wara li ammetta għal numru ta’ serq aggravat bi vjolenza.
Sabiex tagħti kuntest għall-arresti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-pulizija kienet qed tinvestiga żewġ serqiet fl-1 u t-2 ta’ April fil-Fgura.
Is-serq sar bl-użu ta’ arma fil-konfront ta’ żewġ vittmi nisa barranin.
Qalu kif irriżulta li l-persuna li allegatament wettqet dawn ir-reati kien l-akkużat.
Il-pulizija qalet kif waqt l-investigazzjoni rriżulta li allegatament kien involut f’serqa fil-Birgu u attentat ta’ serq f’garaxx ġewwa l-Kalkara.
L-imputat qal kif huwa ġie arrestat l-Erbgħa li għadda u waqt l-investigazzjoni huwa kkopera bis-sħiħ mal-pulizija, tant li fl-istqarrija huwa ammetta l-involviment f’dawn l-erba’ każijiet.
L-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni qalet li fid-dawl tal-koperazzjoni tiegħu u l-għajnuna li offra lill-pulizija huma bdew iħarsu lejn sentenza ta’ tliet snin u nofs priġunerija effettiva, anke fid-dawl li huwa reċediv.
Id-Difiża spjegat kif ikun ta’ ġid ukoll jekk fil-piena ssir ordni ta’ trattament sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Qorti stqarret li hija tista’ tagħti rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Ħabs sabiex Brincat jingħata l-għajnuna neċessarja.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-imputat iħallas multa ta’ €116.