Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jwassal biex il-bini tal-Esplora u l-attrazzjonijiet li joffri dan iċ-ċentru għax-xjenza interattiva jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
B’hekk mal-wieħed u għoxrin elf persuna li għandhom il-kartuna tad-diżabilità se jgawdu min-numru ta’ inċentivi.
Dan billi fost oħrajn, gruppi ta’ persuni b’diżabilità li jattendu fiċ-ċentri ta’ matul il-jum igawdu minn żjarat fl-Esplora u wkoll imissu max-xjenza b’mod interattiv.
Inċentivi wkoll jeżistu għal nies li jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabilità fi żjara fl-Esplora.
Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll se jsiru attrazzjonijiet ġodda għall-persuni nieqsa mid-dawl, filwaqt li se ssir reviżjoni għall-aċċessibilità għall-persuni li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando sostna li permezz ta’ dan il-ftehim se jkun hemm ukoll aċċessibilità fiżika aħjar fl-Esplora.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portello saħqet illi permezz ta’ dan il-ftehim, esperjenzi varji ta’ tagħlim u divertiment se jaslu wkoll għand il-persuni b’diżabilità.
Qalet, “Qed naraw kif il-kunċett ta’ inklussività imma wkoll l-aċċessibilità se tkun applikata fil-mod wiesa’ tagħha, fost l-oħrajn film li se jkun qed jintagħżel speċifikament u jintwera fil-planetarium se jkun aċċessibbli għall-persuni li għandhom diżabilità intellettwali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Innovazzjoni u r-Riċerka Owen Bonnici sostna li l-qasam tax-xjenzi huwa importanti għall-avvanz ta’ kull persuna fis-soċjetà Maltija.
Spjega, “Għamilna ftehim mal-awtoritajiet responsabbli minn dan is-settur sabiex niffaċilitaw li jkun hemm aktar nies illi jżuru l-Esplora. Aħna nemmnu li rridu noħolqu eko-sistema robusta ta’ innovazzjoni u biex din iseħħ kulħadd irid ikollu opportunità b’saħħitha ħafna biex jidħol f’din id-dinja tant sabiħa.”