Il-popolazzjoni Maltija mistennija jkollha l-ogħla rata ta’ immunità għall-virus tal-Covid-19 fl-Unjoni Ewropea sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej
Rapport fuq is-sit tal-aħbarijiet Bloomberg innota kif sa tmiem Ġunju li ġej, Malta mistennija tkun laqqmet ftit aktar minn 93% tal-popolazzjoni.
Dan skont kunsinji ordnati tal-vaċċin.
Il-Kummissjoni Ewropea informat lill-Gvernijiet illi l-immunità fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kontra l-COVID-19 hija mistennija li tintlaħaq sa Ġunju iżda mhux kull pajjiż mistenni jilħaq l-istess rata.
Skont Bloomberg din il-mira se tintlaħaq aktar kmieni minn dak previst, dan għaliex ukoll iċ-ċittadini Ewropej qed juru fiduċja fil-vaċċin tal-AstraZeneca.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet illi ħafna mill-istati membri se jkollhom biżżejjed vaċċin biex ilaqqmu l-maġġoranza tan-nies sal-aħħar ta’ Ġunju.
Dan filwaqt li qed ikun imbassar li f’dan it-tieni kwart tas-sena se jingħataw madwar sebgħin miljun doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca.
Fil-jum tat-Tlieta, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakides qalet illi l-kumitat li qed jevalwa rapporti dwar l-effetti tal-vaċċin tal-AstraZeneca għadu għaddej.
Dan ir-rapport huwa mistenni li jkun lest sa għada.
Din l-evalwazzjoni qed issir wara rapporti ta’ effetti mid-doża tal-AstraZeneca wasslu għal sospensjoni temporanja tat-tilqima f’xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda l-vaċċin reġa’ beda jingħata fl-istati membri.
Madankollu l-Unjoni Ewropea qed tistma li l-pjan ta’ vaċċinazzjoni jkompli jitjieb.