Id-dehra ta’ balena tat-tip ‘Fin Whales’, għaddejja viċin l-irdum ta’ Sanap f’Għawdex belħet lil bosta.
Li l-baleni ipassu viċin tal-gżejjer Maltin mhuwiex fenomenu stramb.
Dan għaliex bħal dan iż-żmien tas-sena, meta tispiċċa x-xitwa u tibda r-rebbiegħa, numru kbir li jlaħħaq l-mijjiet u jaf anke l-eluf ta’ baleni jemigraw lejn Lampedusa.
Dan għaliex din il-gżira toffri ħafna gambli żgħar, magħrufin bħala krill, li huwa l-ikel ta’ dawn il-baleni.
Il-Professur Alan Deidun, bijoloġista tal-baħar spjega ma’ ONE News kif il-baleni jpassu wkoll bħal ma jagħmlu l-għasafar.
“Jiġifieri din hija parti mill-migrazzjoni, mill-passa, jiġifieri bl-istess mod li jpassu l-għasfar anke l-baleni jpassu għax huma tant għandhom bżonn ikel li ma jistgħux jibqgħu fl-istess żona għas-sena kollha. Infatti x’ħin imbagħad jibda joqrob is-sajf għal Ġunju jitilqu minn Lampedusa, jagħmlu vjaġġ ta’ kważi elf kilometru u jitilgħu fit-Tramuntana ta’ Malta, viċin Ġenova, ’il fuq minn Korsika”
Il-Professur Deidun qalilna wkoll li l-baleni kapaċi jieħdu nifs fit-tul iżda minħabba li dawn huma mammiferi, xi drabi ikollhom bżonn jitilgħu fil-wiċċ.
Riżultat ta’ dan, riċerkaturi Taljani sabu mod kif ikunu jafu f’liema parti tal-vjaġġ tagħhom ikunu waslu.
“Issa dawn li jagħmlu, riċerkaturi Taljani, waħlulhom, ittegjawhom, jiġifieri qishom waħlulhom kaxxa tal-GPS fuqhom u allura kull darba li jitilgħu jieħdu n-nifs, jibagħtu messaġġ u s-satellita taqbadhom u allura nafu aħna kif qed ipassu dawn bħal ma l-għasafar jagħmlulhom iċ-ċrieket f’saqajhom biex ikunu jafu kif passew minn post għal ieħor dawn l-annimali, dawn il-mammiferi jwaħħlulhom dawn it-tags.”
Deidun stqarr li dak li rajna din is-sena għandu jżid il-kuxjenza fost il-Maltin sabiex nieħdu iżjed ħsieb l-ambjent u ma narmu xejn fil-baħar għaliex jista’ jkun li jagħmel ħażin lil dawn il-ħlejjaq kbar u li għandhom importanza kbira għall-ħajja ta’ taħt il-baħar.