Malta hija wieħed minn ftit pajjiżi Ewropej li laħqet il-miri tat-tilqim fl-ewwel tliet xhur.
Skont informazzjoni ppubblikata mis-sit awtorevoli Politico, Malta qiegħda fuq quddiem nett mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropeja li laqmu b’imqar doża waħda lil persuni li għandhom iktar minn tmenin sena kontra l-Covid-19.
Fil-fatt pajjiżna laqqam 95% tal-anzjani li jgħoddu 80 sena jew aktar.
Wara Malta kien hemm biss erba’ pajjiżi oħra li laħqu din il-mira sa Marzu li għadda.
Dawn kienu l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Finlandja u l-Portugall.
L-informazzjoni ppubblikata minn Politico turi wkoll li sal-erbgħa t’April li għadda, pajjiżna kien l-aktar stat membru fl-Unjoni Ewropea li laqqam nies bil-vaċċin għall-Covid-19.
Fil-fatt kien biss ir-Renju Unit, mhux stat membru, li qabeż lil Malta.
Informazzjoni riċenti turi wkoll li jekk jaslu l-kunsinji tal-vaċċin li huma mwiegħda sa nofs din is-sena, pajjiżna ikun minn tal-ewwel li jirkupra mill-pandemija.
Is-sit awtorevoli Politico qed jistma wkoll li sa Ġunju li ġej, jekk id-dożi tal-vaċċin jaslu kif imwiegħed, pajjiżna jkun laqqam aktar minn 92% tal-popolazzjoni kollha.
Is-sit Politico innota ukoll li pajjiżna mhux biss ordna l-ammont ta’ dożi li kellu bżonn il-pajjiż, iżda ordna wkoll dożi addizjonali li kienu disponibbli mill-mekkaniżmu tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-sit irrefera wkoll għall-ħin qasir ta’ stennija minn meta d-dożi tal-vaċċin waslu f’pajjiżna u bdew jingħataw liċ-ċittadini.
Għall-kuntrarju ta’ Malta, Politico nnota wkoll il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej fallew mill-miri tagħhom fit-tilqim kontra l-Covid-19.
Issemma kif f’bosta stati membri t-tilqim ġie amminstrat bil-mod minkejja li kellhom biżżejjed dożi disponibbli.