“Il-Partit Laburista mhux biss jirrikonoxxi l-isfidi soċjali iżda ma jibżax mill-bidla.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista b’rabta mal-introduzzjoni ta’ whitepaper dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fl-indirizz tiegħu fil-bidu ta’ din il-konferenza, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef sostna li l-Gvern u l-Partit ma jibżgħux mill-bidla.
Dan speċjalment f’dawl ta’ realtajiet soċjali li jeżistu fid-dinja tal-lum.
“Aħna bħala Partit Laburista konxji mir-realtajiet soċjali u kif ukoll mir-reġim legali li fl-aħħar snin wassal għal inġustizzji li sofrew numru ta’ persuni minħabba pussess sempliċi tal-kannabis.“
Minn naħa tiegħu, il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, filwaqt li ta elenku tal-proposti mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu fl-introduzzjoni tal-whitepaper, spjega kif iż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Laburista ma jiddejqux jiddiskutu suġġetti differenti anke dawk li jqajjmu diskussjoni jew dibattitu
Sostna wkoll li ż-żgħażagħ diġà għandhom l-isfidi tagħhom u b’hekk l-importanza li ma jiżdiedx piż żejjed fuqhom bla bżonn.
“Infakkar kif iż-żgħażagħ illum il-ġurnata għandhom ukoll l-isfidi tagħhom. Iridu jibbilanċjaw bejn il-ħajja edukattiva u dik tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-esperjenza neċessarja.Tistgħu timmaġinaw żgħażagħ li għax sempliċiment ikunu nqabdu b’joint tal-Kannabis ikunu trattati ta’ kriminali u saħanasitra tiċċapsilhom il-kondotta, x’riperkusjonijiet ikun hemm fil-kumpliment ta’ ħajjithom kollha.”
Intant il-President ta’ Nisa Laburisti, Nikita Zammit Alamango spjegat kif il-proposti bidliet huma bilanċjati filwaqt li jinkludu element ta’ serħan il-moħħ anke għall-ġenituri.
Temmet tgħid li kull min jixtieq jgħid tiegħu dwar is-suġġett huwa mħeġġeġ jibgħat il-ħsibijiet tiegħu fuq info@partitlaburista.org.
“Infakkarhom biex tieħdu sehem fil-konsultazzjoni għalhekk għandna dawn is-6 ġimgħat quddiemna biex aħna nisimgħu minn għandkhom – dak li qed jinkwetakhom dak li forsi nistgħu nagħmlu aħjar u żgur li aħna bħala Partit Laburista se nkunu qed nieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni.”