Il-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA qed issellef il-pittura “Kristu Rxoxt iħaddan is-Salib” tal-artist Guido Reni, li se tkun esebita f’wirja fil-Mużew ta’ Santa Domenico, f’Forli, l-Italja.
Din il-wirja ftit ‘il bogħod minn Bologna se tagħti ġieħ lil poeta rinomat Taljan tal-Medjuevu, Dante Alighieri.
Din il-wirja qiegħda tiġi organizzata mill-Gallarie degli Uffizi ta’ Firenze u se tfakkar il-kobor t’Alighieri, hekk kif din is-sena jaħbat is-seba’ mitt sena minn mewtu.
Flimkien ma’ dan il-kwadru, se jiġu esebiti mat-tliet mitt pittura oħra mis-seklu tlettax sas-seklu għoxrin li ġew impittra minn artisti magħrufin mad-dinja kollha fosthom Michelangelo u Giotto.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit sostna li din il-wirja se tkun ta’ opportunità għal pajjiżna biex inkunu nistgħu nesponu l-arti fil-kollezzjoni nazzjonali Maltija, filwaqt li tħeġġeġ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi li se jesebixxu l-arti tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kuratur Anzjan tal-MUŻA qal kif il-fatt li pajjiżna se jkun qiegħed jesebixxi l-wirt artistiku tiegħu f’wirja internzajonali għandu jagħmilna kburin.
Spjega, “Il-fatt li l-Gallaria degli Uffizi se jkunu qiegħdin juru dil-wirja, ħarsu lejn il-kollezzjoni nazzjonali li għadna ġewwa MUŻA u għażlu propju dan il-kwadru huwa ċertifikat ieħor, jekk qatt xi darba dal-kwadru kellu bżonn, li hawn qiegħdin quddiem kwadru ta’ valur internazzjonali, ta’ valur artistiku kbir li għandu jagħmlilna ġieħ kemm lokalment u anke internazzjonalment permess ta’ din il-wirja li ser issir ġewwa Forli.”
Din il-pittura se tibqa’ għall-wiri fl-Italja sal-ħdax ta’ Lulju.