F’inqas minn 48 siegħa mindu seħħet serqa minn ħanut fi Triq San Luqa, f’Wied il-Għajn, l-investigazzjonijiet tal-pulizija waslu biex ġie arrestat l-allegat ħalliel.
Dan wara informazzjoni li rċiviet il-pulizija, fejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Wied il-Għajn u ta’ Bormla arrestaw l-allegat ħalliel. Waqt tfittxija fl-appartament fejn jgħix l-allegat ħalliel instabu oġġetti relatati mas-serqa.
Din is-serqa ġrat f’jum il-Ġimgħa l-Kbira għall-ħabta tat-8:15 ta’ filgħaxija, fejn f’din is-serqa ġarrab xi ġrieħi l-kaxxier ta’ sebgħin sena minn Ħal Tarxien.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li raġel daħal fil-ħanut, qabad sikkina, mexa lejn il-kaxxier u talbu l-flus. Bil-kaxxier irrifjuta li jagħti l-flus u anke rreżista lir-raġel.
L-allegat ħalliel qed jinżamm arrestat fil-lockup tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.