Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li m’aħniex ’il bogħod milli nneħħu xi miżuri li ddaħħlu fl-aħħar ġimgħat u niftħu l-ekonomija għat-turisti mlaqqmin.
Chris Fearne qal dan waqt il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu fuq ONE, fi sfond ta’ appell kontinwu għall-kawtela.
Qal, “Għad għandna każijiet, jiġifieri qed ikollna mhux mhu qed ikollna xejn ġdid, qed ikollna każijiet ġodda u allura rridu nibqgħu kawti u responsabbli, irridu nibqgħu nżommu mal-miżuri li għandna in place, però bir-rata li tiela’ t-tilqim, m’aħniex ’il bogħod milli nibdew bil-mod il-mod, nnaqqsu minn dawn il-miżuri li ħadna, speċjalment il-miżuri li ħafna f’dawn l-aħħar ġimgħat.”
Chris Fearne saħaq li l-vaċċin huwa s-soluzzjoni mhux biss għal saħħitna imma anki għall-ekonomija, u nnota kif dan is-sajf se nkunu l-aktar pajjiż sigur fl-Ewropa u wieħed mill-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.
Dan primarjament minħabba r-ritmu mgħaġġel li bih jinsab miexi l-programm ta’ tilqim f’pajjiżna, fejn sal-Ħadd filgħaxija se jkunu ngħataw mitejn u ħmistax-il elf doża tal-vaċċin.
Spjega, “Aktar minn erbgħin fil-mija tal-adulti f’Malta ħa jkunu ħadu mill-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin jiġifieri din hija rata għolja ħafna, ħa jkun hemm pajjiżi Ewropej l-erbgħin fil-mija jkunu laħħquhom f’Lulju. Aħna qegħdin fil-bidu ta’ April u diġà laqqamna mill-inqas erbgħin fil-mija tal-poplu tagħna, l-adulti naturalment, li diġà ħadu mill-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin.”
Intant, aktar minn disgħa u disgħin fil-mija ta’ dawk li ħadu l-vaċċin kontra l-Coronavirus, żviluppaw l-immunità kontra l-istess virus u ma ġewx infettati mindu ħadu t-tilqima.
Huma biss madwar żero punt disgħa fil-mija minn fost dawk li kienu tlaqqmu sal-Ħamis, li jgħoddu għal mija u sitta u tmenin elf persuna, li ġew pożittivi għall-virus wara li tlaqqmu.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-awtoritajiet tas-saħħa lit-Times of Malta l-Ħamis filgħaxija, ġurnata qabel ma n-numru ta’ dawk imlaqqma f’pajjiżna qabeż il-mitejn elf.
L-awtoritajiet tas-saħħa spjegaw ukoll li l-immunità mill-vaċċin tintlaħaq wara minn tal-inqas ġimagħtejn.
Skont l-informazzjoni li ngħatat, żero punt disgħa fil-mija ta’ dawk li ħadu l-vaċċin tal-Pfizer jew tal-Moderna, ġew infettati wara aktar minn erbatax-il ġurnata li kienu ħadu l-ewwel doża.
Ir-rata kienet iktar baxxa meta wieħed iħares lejn dawk infettati wara li jkunu ħadu t-tieni doża tal-Pfizer.
L-awtoritajiet qalu li l-immunità tal-vaċċin tibda taħdem wara minn tal-inqas ġimagħtejn.
Ħadd minn dawk li ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin tal-Moderna ma kien infettat bil-Coronavirus.
Fejn tidħol l-AstraZeneca, in-numri huma saħansitra aħjar, hekk kif kienu biss żero punt erbgħa fil-mija ta’ dawk li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin li mardu bil-virus wara ġimagħtejn.
Id-dettalji dwar l-impatt tat-tieni doża tal-AstraZeneca għadhom iridu jkunu disponibbli wara li tibda tingħata, hekk kif b’differenza għal tal-Pfizer u l-Moderna, din tingħata wara xahrejn.
Minkejja dawn ir-riżultati inkoraġġanti, il-Ministru għas-Saħħa appella għall-kawtela, speċjalment minħabba possibilità ta’ varjanti ġodda, u qal li jekk jibdew jitnaqqsu l-miżuri u jerġgħu jaraw żieda fil-każijiet, il-Gvern se jkun pront u jerġa’ jmur lura għall-miżuri li jkunu tneħħew.
Qal kif, “Għad hemm pajjiżi fl-Ewropa li qegħdin fl-agħar sitwazzjoni li qatt kienu fil-pandemija sħiħa. Illum. Aħna Malta mhux hekk. Dak kien riżultat tal-varjant Ingliż. Jekk ikollna varjanti oħrajn li għadna ma nafux bihom, jistgħu jerġgħu jagħtu din it-tip ta’ problema, imma min-naħa l-oħra, aħna li nistgħu nippjanaw għalih, qed nippjanawh u qegħdin iva saħansitra aħjar minn dak li konna għamilna previżjoni tiegħu f’Diċembru li għadda.”