Fi tlett ijiem mindu tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali dwar l-awtiżmu, daħlu aktar minn sebgħin kontribuzzjoni.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, fil-Jum Dinji tal-Awtiżmu bit-tema “Nirrispettaw id-Diversità – Inħarsu l-Ugwaljanza”.
Fl-istqarrija ngħad kif pajjiżna rċieva kliem ta’ tifħir miż-żewġ organizzazzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-awtiżmu.
Il-President tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Għaqdiet mhux governattivi mmexxija minn persuni bl-awtiżmu qalet li l-istrateġija ta’ Malta hija pjuttost unika u ħafna organizzazzjonijiet membri tal-Kunsill se jsegwu l-progress f’Malta u kif l-istrateġija tiġi implimentata.
Min-naħa tagħha, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Autism-Europe rrimarkat kif fl-aħħar snin, Malta kienet minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-awtiżmu fuq livell Ewropew.
Il-pubbliku għandu ċans sat-Tlieta, għoxrin ta’ April, biex isemma’ leħnu dwar din il-konsultazzjoni pubblika, li tista’ tiġi aċċessata mis-sit https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MISW/Pages/Consultations/LIstrategijaNazzjonalitalAwtizmutaMaltaghall20212030.aspx..