Tony Anuforo ta’ erbgħa u tletin sena min-Niġerja nħeles mill-arrest abbazi ta’ depozitu ta’ għaxart elef ewro u garanzija personali tal-istess ammont b’rabta ma’ każ ta’ allegat frodi fuq anzjana.
Fil-qorti nstema’ kif l-akkużat allegatament kien parti minn grupp li għamel profil falza fuq il-midja soċjali ta’ suldat Amerikan fl-Afganistan, beda jitkellem ma’ Maltija, u staqsieha għal diversi somom żgħar ta’ flus. B’kollox intalbu t-tmienja u ħamsin elf ewro.
Il-ħamest irġiel u Maltija l-oħra involuti fit-tħaddim tal-profil falz kollha baqgħu jinżammu arrestati.
Il-Qorti nnutat li Anuforo kien kien impjegat, kellu familja f’Malta u ilu jgħix f’pajjiżna għal żmien twil, u b’hekk m’hemmx riskju li dan jaħrab mill-pajjiż.
Il-Prosekuzzjoni ma wriet ebda evidenza konkreta li l-imputat jikkuntattja x-xhieda fil-każ, u għalhekk inħeles mill-arrest.