Infrastruttura Malta bdiet ix-xogħlijiet fis-Sally Port tal-Birgu biex b’investiment ta’ disa’ miljun ewro, din iż-żona tinbidel fi promenade.
Ix-xogħol se jinkludi r-rikostruzzjoni ta’ madwar sitt mitt metru ta’ mollijiet fiż-żona magħrufa wkoll bħala t-Toqba. B’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, dan l-investiment se jinkludi wkoll it-titjib tal-waterfront tal-Kalkara u l-pjazza tal-lokalità, fl-istess żona.
Is-Sindku tal-Birgu qal kif dan il-proġett ilu ferm mistenni mir-residenti.
Qal, “Proġett li ilna nistennew snin twal u sa fl-aħħar dan il-proġett se jgħaqqad il-kumplament tal-kottonera se jkun iċ-ċirasa fuq il-kejk tar-riġenerazzjoni tal-kottonera u tlett ibliet.”
Ix-xogħol se jara wkoll żoni għall-mixi, bankini, dawl dekorattiv, ġnien pubbliku u żoni tal-pajsaġġ bi fjuri u arbuxxelli.
Il-Ministru għall-Infrastuttura Ian Borg qal kif b’dan il-proġett se jingħataw aktar spazji miftuħa lill-familji.
Spjega, “Meta nitkellmu fuq infrastruttura m’aħnix nitkellmu biss fuq toroq imma hemm ukoll infrastruttura marittima illi ma traskurajniex anzi qed naraw kif l-infrasturttura marittima tkun mhux aktar digura imma minnha jinħolqu aktar spazji ġodda.”
Dan l-ispazju ġdid se joħloq rotta pedonali għaż-żona ta’ Villa Bighi fil-Kalkara sal-marina tal-Birgu, iż-żona tal-Baċir Numru Wieħed ta’ Bormla, ix-xatt tal-Isla u t-triq kollha lejn Boiler Wharf, taħt il-ġonna tal-Gardjola.