Il-belt tal-Birgu ħa tkompli tissebbaħ permezz ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni fejn se jsiru xi xogħlijiet fil-pjazza ta’ Misraħ ir-Rebħa kif ukoll t-tranġar ta’ erba’ toroq li jwassluk f’din il-pjazza.
Ix-xogħlijiet l-ewwel se jibdew minn xi servizzi taħt l-art kif ukoll xi xogħlijiet fil-bankini, imbagħad se jkunu qegħdin jitlestew dawn l-erba’ toroq, fosthom Triq La Vallette u Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur.
Fl-aħħar mistenni jitwettaq it-tisbiħ fil-pjazza fejn se titjieb l-aċċessibilità għal min jiffrekwenta din il-pjazza permezz ta’ żona pedonali u anki jsir pavimentar.
Waqt żjara fil-Birgu mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo intqal kif dan il-proġett qed isir bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Kottonera sabiex din terġa’ tilħaq l-istat prestiġjuż li jixirqilha.
Il-Ministru Borg fakkar li dan kollu qed isir bħala parti mill-investiment ta’ seba’ mitt miljun fit-toroq ta’ pajjiżna.
Huwa stqarr: “Però se nkunu qegħdin nagħmlu erba’ toroq illi jwassluk f’din il-pjazza biex hekk nkunu qegħdin nżommu mal-wegħda tagħna li nkomplu nagħmlu toroq residenzjali dejjem aħjar għar-residenti. Toroq li llum laħqu mal-fuq mill-ħames mija dawk li lestejna permezz ta’ Infrastruttura Malta f’dawn is-sentejn u nofs.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, saħaq li qabel il-pandemija kienu bosta dawk it-turisti li kienu jżuru din il-belt storika u l-pjazza tagħha. Għalhekk proġett bħal dan huwa importanti għall-Kottonera u juri kemm dan il-Gvern jemmen u għandu fil-quċċata tal-prijoritajiet tiegħu l-wirt ta’ pajjiżna.
John Boxall, is-Sindku tal-Birgu kellu biss kliem ta’ tifħir għal dan il-proġett li se jagħti l-ħajja wkoll lil parti antika ta’ din il-belt storika.
Huwa qal, “Naħseb li l-proġett tal-pjazza ta’ din il-belt se jikkumplimenta r-riġenerazzjoni ta’ din il-belt u naħseb se jkun attrazzjoni speċjali wkoll fejn ħa nlaqqgħu ż-żona tal-Collachio, li hija l-iktar parti antika tal-Birgu, mal-parti l-ġdida u man-naħa tal-knisja u hekk nistgħu ngħidu li bil-proġett tal-pjazza se jkollna l-Birgu komplut.”