Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Alfio Schembri, iżda ċaħdet din l-istess talba għal Keith Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit, li jaħdmu fil-kumpanija Kasco.
Il-Qorti rat kif id-deċiżjoni għall-ħelsien mill-arrest hija indipendenti mid-deċiżjoni dwar il-ħtija li trid issir fuq il-mertu u għalhekk rat kif l-akkużati għadhom preżunti innoċenti. Rat madankollu kif dan id-dritt ta’ ħelsien mill-arrest mhux wieħed awtomatiku. Il-fatt li l-inkjesta rat li kien hemm possibilità ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti ma tagħtix serħan il-moħħ għalkollox li l-akkużati huma affidabbli. Il-Qorti rat kif huwa indubitat li l-wiesa’ tal-każ hija ikbar minn dawk li bħalissa hemm fl-atti. Qalet li jidher li għadha għaddejja investigazzjoni iktar wiesgħa.
F’digriet il-Qorti qalet kif f’dan l-istadju għadha tiġġustifika d-detenzjoni ta’ Keith Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit. Madankollu, hija tat il-ħelsien mill-arrest lil Alfio Schembri, missier Keith Schembri.
Il-Qorti ssoleċitat il-Prosekuzzjoni sabiex itemmu l-investigazzjoni kemm jista’ jkun malajr.
Min-naħa l-oħra l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Alfio Schembri wara li rat in-natura tal-allegat involviment tiegħu fir-reat u kif huwa mdaħħal sew fl-età.
Alfio Schembri ngħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jirrapporta l-għassa kuljum u jidħol id-dar bejn it-8:00 ta’ filgħaxija u s-7:00 ta’ filgħodu. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
L-Avukat Edward Gatt għad-Difiża għamel talba sabiex il-Qorti tagħmilha ċara mal-Prosekuzzjoni illi fis-seduta li jmiss il-Prosekuzzjoni tressaq lil dawk ix-xhieda li hija ġenwinament tqis illi huma sensittivi.
Dawn il-persuni tressqu l-Qorti nhar is-Sibt 20 ta’ Marzu 2021, mixlija b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi, fost oħrajn.