Tħabbret il-mewt tal-ġurnalist veteran Godfrey Grima fl-età ta’ 79 sena.
Grima twieled iż-Żejtun u jibqa’ magħruf għal kontribut qawwi tiegħu fil-qasam ġurnalistiku lokali kif ukoll internazzjonali.
Qabel mar jaħdem Londra huwa beda l-karriera ġurnalistika mal-gazzetta il-Ħaddiem.
Fl-1967 huwa tħarreġ mal-Financial Times.
Hemmhekk huwa għamel isem ma’ din il-gazzetta rinomata fid-dinja u li kienet tanalizza l-aħbarijiet politiċi u ekonomiċi.
Fl-1971 Grima spiċċa jmexxi fergħa tal-Financial Times f’Malta wara li din il-midja fetħet uffiċċju f’pajjiżna.
Huwa dam imexxi dan l-uffiċċju sal-2010 meta rtira.
Godfrey Grima waqqaf ukoll l-Associated News Group, aġenzija tal-komunikazzjoni magħrufa għall-kampanji ta’ reklamar li organizzat matul is-snin.
Godfrey Grima kien membru wkoll fil-Kunsill tal-Università u kkummenta u analizza bil-ħsieb profond u ġurnalistiku tiegħu bosta ġrajjiet kurrenti fil-pajjiż u lil hinn.
Fl-2017 huwa ngħata midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Intant il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Grima.
Filwaqt li l-Partit Laburista ta l-kondoljanzi lill-qraba ta’ Grima, sejjaħ lil Godfrey Grima bħala wieħed mill-ġganti tal-ġurnaliżmu f’Malta.